Thursday, September 1, 2011

Divorzju

L-esperti ta' Ġesù Kristu żverġnaw il-Bibbja mqaddsa,
jaħfnu l-kliem sakemm sillaba sillaba jiċċarċrulhom
ma' ħalqhom meħjut b'interpretazzjonijiet assoluti.
Tispara l-fidi minn għajnejhom għomja.

Kulħadd jafu 'l Kristu.
“Il-kliem tagħkom għandu jkun: iva, iva, le, le”.
Iva għax dritt – kemm int injurant.
Le għax dnub.
Tindaħlux.
Tiġġudikawx.

Żwieġ u politika mqaħħbin fil-lejl tal-kuluri.
U f'din il-belt ta' dahra mgħawweġ kollox jagħmel sens.
Għejjiet tipprova ssammar l-ispina maz-zokk biex tiddritta.
U wieħed mill-eluf ta' ħluq imwerrċa jgħajjat konverżjoni,
konverżjoni għal dawk li mhumiex dritti,
konverżjoni għal dawk li twieldu bi spina mgħawwġa.

Iva, ħija, oħti, inti tista' tfieq.
U flok tiddritta l-ispina jitgħawweġ il-madwar.
Ara kif issa kollox dritt.
Faħħarna lid-demokrati għax iddrittajnik.
Faħħar 'l Alla għax m'għadekx mgħawweġ.

U din il-belt marida belgħet il-ħelwa morra,
għalqet għajnejha u ħarset fil-mera:
l-ispina skolpita f'ġisimha divin.

***

Il-lapes beda jxoqq l-għaraq għalih,
spuntatlu l-leħja tniggeż,
iħares minn kaxxa għall-oħra,
jara l' min ħa jissodisfa.

U Kristu daħal bil-vot f'idu,
moħbi fil-kamra ta' ġewwa,
jistħi jgħid li hu nisrani,
jittama li għada ma jisbaħx. (C)

Friday, December 17, 2010

Il-Pesta Bla Kulur

Fi ċpar imlaħħam imdellek ma' xagħri
ġarrejt il-mewt fuq karru żlugat,
idha tkaxkar maż-żrar turmentat,
ġrieden 'pestati jnaqqru fil-fond
jisirqu l-erwieħ f'abbiss ċirku tond.

Wiċċi mgħotti, ċarruta ma' ħalqi,
kull seba' minuti niċċekja taħt abti
biex nara l-infafet tax-xjaten twildux.

Il-mewt mgħottija, mid-dinja moħbija
inġorr u niġbed sakemm intiegħem
melħa melħa mill-għaraq spuntat.

Waqaft nistrieħ mitt metru 'l bogħod
minn munzell bċejjeċ ta' katavri mneffħin.

Biz-zokk għollejt l-għata li satret il-mewt,
in-nifs qatel ruħu, tiċlisa żellieġa, kollox idur,
imħabbti hemm rieqda, intfielha l-kulur. (C)

Friday, December 3, 2010

Minuta Silenzju

Tbatija: ta' min tgħajjat maħnuqa,
ta' min belgħet ilsienha.

Minuta silenzju għat-tqattigħ murtalesk
bil-pellikan iteftef l-offerta enneżma.

Minuta silenzju għat-torrijiet progressivi
bbalzmati f'tlett elef memorja eterna.

Minuta silenzju għall-minuti miktuba
moħlija ta' kittieb eżiljat.

Minuta silenzju għall-mara b'sidirha ċoff
li jinħall kull filgħaxija.

Minuta silenzju għall-immigrant irregolari
bil-passaport ġdid jixgħel f'idu,
imxarrab b'melħ odjuż.

Minuta silenzju għall-omm bla tfal
tibki trabi mxaqqa.

Minuta silenzju għas-suldat imriegħed
bil-fwied ta' sieħbu f'idu.

Minuta silenzju għall-art imqaddsa
bid-demm Palestinjan.

Tbatija mkeffna f'minuta silenzju.

Minuta silenzju...issa nistgħu nkomplu. (C)

Friday, August 27, 2010

Poeta Vagabond

(Hekk il-) poeta vagabond:
xagħra mfella ttir mar-riħ,
mibżuqa mill-fjuri jlellxu,
middieħqa min-nemel ordnat,
iħabbat bieb imsaddad
bil-pum immermer.

L-akbar ħabib li għandu
hu l-bastun imnaqqax
b'tikmix ġrajjietu.

Għadmu mibnija minn sensi:
ta' bliet minsija mfakkra;
ta' toroq itajru trab imtaqqal
bl-uġigħ tal-ħlas;
ta' rġiel imqaddsa jitliegħbu
għal koxxa mpaħpħa;
ta' nisa muti jaqdu
dmirijiethom sagrosanti;
ta' tfal ikkalzrati
b'teknoloġija moħxija.

B'pass imkaxkar imtawwal b'tama
li xi darba,
xi ħadd jaqbadlu idu mriegħda
u jġiegħlu jikteb l-aħħar vers tal-kapolavur;
li xi darba,
xi ħadd jisma' kitbietu mħarbxa
fir-raddi skuri mħaffra ta' għajnejh;
li xi darba,
xi darba jsib lil xi ħadd
li jgħinu jifhem kif jistrieħ.

Xi darba l-mewġa ruxxana
titlef il-kulur u tidbiel.

Sa dakinhar jibqa' miexi pass pass,
iħabbat u jkaxkar sakemm idu
taqla' l-aħħar qatra demm
u l-mewġa terġa' tieħu l-kulur.

(Hekk il-) poeta vagabond:
jisfuma fis-sħab ġerrej,
jintesa' mill-għorrief. (C)

Wednesday, August 18, 2010

Tluq

Waqfa.
Ċaqliqa mfewħa.
Jidħol il-baħħ b'arja friska
jkessaħ l-orgażmu tar-ruħ.

Nixfa.
Qatr'ilma fgata.
Tebgħa fuq oħra ttappan viżta oskura.

Ġirja.
Pass imtawwal b'ħajja żverġnata.
Tluq 'il mixja merħi
fil-pali ta' ġennek san.

F'żiffa riħ tperprulek ħaddejk imqarqċa,
tbewsu l-ilsien u s-snien mal-ħanek moffa.

Baqbaq għerfek xpakkat mill-qoxr'għatu,
ġrew u splodew iċ-ċelloli minfuħa,
ġrew qalb l-għollieq ta' sidrek iqattar
ħalib u għasel – demm ibbalzmat.

Ix-xejn mimli b'vojt imdaqqas
li fawwar iż-żejjed fuq
l-imdaħħan mitluf.

Infaqgħet il-bużżieqa tax-xejnabbiss.
Intelaq in-nifs skars meħjut mat-tila.
It-tluq sar il-bidu li dejjem-qatt kien.
Il-bidu kien tluq li ma wassalx. (C)

Thursday, May 27, 2010

Sptar 'Mentali'

Lasktu msawwar biex jimmolla ruħ il-ġenn,
id imriegħda,
dawl imteptep,
pillola ħajja.

L-iskeletru tal-ġagaga jtaqqab is-sanità fil-miġnun san.
L-iskeletru bla ġagaga jittaqqab bl-arbitrarjetà skaduta.

Lasktu msawwar biex jimmolla ruħ il-ġenn,
id merħija,
dawl imteptep,
pillola moħlija. (C)

Nobbiltà – Lil Bianca Zammit

Aħfirli ma nafekx. Meta smajt l-aħbar tqanqalt u għedt il-Malti għandu tama. Dal-ħsieb dedikat lilek: Maltija twerżaq ġustizzja b'silenzju niffiedi.

Mal-isparatura 'żbaljata' l-film reġa' beda mill-bidu.

Il-karattri għadhom jagħmlu l-makeup,
l-għajjat għadu tfesfis f'widnejn mimli xemgħa.

Ġriet il-balla kamikaze qalb demm u għadam verġni
sakemm sikret f'ilsienha għanqbuta.
Friża l-ħin fl-ispazju mdaħħan sakemm qalulu
li jista' jkompli jtektek l-ossiġnu sfurzat.

Bajda l-fjura milquta,
Ħamra l-fjura spiċċuta.

Imma le, spiċċuta mhijiex.

L-aħmar jerġa' jibjad fi trasfigurazzjoni eterna,
il-balla sakranazza tinbeżaq u tingħasar
f'id il-ġust meqjus ħati.

Tkompli l-ġlieda tixtieq twelled ħolma li darba kienet.
(li qatt kienet?)

Tirrakkma l-ġilda satin
biex toħloq destin. (C)