Saturday, January 23, 2010

Biżżejjed għalija

Biżżejjed għalija
dil-bewsa lewn id-deżert flgħaxija,
friska w qabbieża tkant' għanjiet ferrieħa.

Biżżejjed għalija
dil-ħarsa lewn il-futur mistur,
nebbiexa w profonda twelled poeta miġnun.

Biżżejjed għalija
dar-rigal lewn l-imħabba utopika,
senswali w predestinat għal ħajja bla tmiem. (C)

Il-Kelb

Il-kelb midgħi beżaq bila ndifferenza lejn
ix-xadina razzjonali li libsitu l-kullar.
Jixrob l-ilma tal-ħajja ċivilizzata,
joħroġ ilsienu jilgħaq l-ipokrezija.

Marbut biċ-ċinga tan-normalità,
jersaq pass, pass, lejn il-linja safra,
impittra, imħaffra,
fit-tarmak ibaqbaq iwissi.

Ikkalzrat f'demokrazija jobdi l-aħħar ordni
tal-gvern progressiv mimli ġid, fiduċja w direzzjoni.

Ilesti s-sodda għal ibnu programmat,
mitlub ikattar ġenerazzjoni
li ħanxritlu l-emozzjoni. (C)

Bla Titlu

Fuq bejt maħnuq kaxkart dwejjaq il-ġustizzja,
sqejt il-ġenn b'mitt gramma erotiżmu,
magħrfa sanità u kuċċarina ġakbinità.

Dendilt bejn il-kolonni 'l Sansun meħlub,
jimbotta mterter it-talba moribonda
li ommu seħtet, għannqet, twiet u rmiet.

Lill-belt miksija ġuġu w ħara qtajtilha l-arterja
biex nixrob ruħ il-verġni qaħba sagrifikata.
Temtimt versi dritti w versi mgħawwġa,
biex nirbaħ dinjietek gradiljata .

Kantaw għanjiet flaġellati f'dawl il-kelma kurunati. (C)