Thursday, December 24, 2009

Is-Silenzju

Fil-ħemda tal-kamra kienu tlieta: is-Silenzju Sħiħ, is-Silenzju Mkisser u l-Istorbju. Tinstema' biss is-sekondiera tal-arloġġ imwaħħal mal-granpun nofsu maqlugħ fil-kamra ta' biswithom. Il-kamra kienet żgħira biex it-tlieta li huma jkunu komdi kif jixtiequ. Bħal f'kollox, il-kompromess u l-adattament għas-sitwazzjoni kienet is-soluzzjoni imposta fuqhom bla ebda għażla oħra. Minbarra t-tieqa, il-kamra kienet imneżżgħa minn kull komponent li darba kien jifforma ġisimha. Illum fadal biss skeletru t'erba' ħitan li kuljum jitolbu għal gwerra imminenti.

L-Istorbju, b'riġlejh joqomsu f'ritmu mużikali stunat, għal darba kien kwiet. L-istatura ġganteska kienet tintimida anke lill-allat mitoloġiċi f'moħħ in-nies hekk imsejħa normali. Kien ipoġġi, meta jkollu sabar, fl-istess post: taħt it-tieqa ċkejkna li lanqas hu ma seta' jittawwal minnha. Rarament kienu jiddisktu fuq ipoteżijiet ta' x'seta' kien hemm 'il barra minn dawk l-erba' biċċiet ta' ħadid imsadda iżda b'saħħithom. Meta kienu jagħmlu dan, l-Istorbju kien jippassiġġa minn naħa għall-oħra, jigref b'dufrejh il-ħitan sakemm joħloq arti surreali. L-Imkisser kien iħares lejh u jibqa' passiv.

L-Imkisser kellu statura żgħira u debboli. Kien jimrad ta' spiss u leħnu kien isemmgħu fil-bżonn biss. F'dal-ħin, is-silenzju f'dik il-kamra misħuta kien qed joqtlu minn ġewwa. Is-sekondiera ttektek bdiet bil-mod il-mod iddaħħlu fl-insanità. Għalfejn kellu jingħata dan l-irwol? Għaliex ma setax ikun normali bħal ħaddieħor? L-elettriċità fil-kuriduri ta' moħħu bdiet għaddejja b'veloċità fenomenali waqt li tisparkjalu kull ċellola li kien fadal ħajja u li kellha aptit tagħmel xogħolha. Wara kollox, kull ħaddiem ħaqqu l-mistrieħ tiegħu. F'inqas minn sekonda wara staqsa lilu nnifsu bħal min xtaq li jkun normali. Ma kien jaf lil ħadd.

Ħares lejn l-Isħiħ li bħas-soltu qas in-nifs teneru tagħha ma kien jisma'. Isbaħ mix-xemx u l-anġli f'daqqa imma moħlija f'ħajja li qatt ma seta' jifhem. B'għajnejha magħluqin u f'pożizzjoni ta' fetu mistrieħ fl-ilma tas-sigurtà, kienet tqatta' l-ġranet tagħha hekk. Għal għajnejn barranin u korrotti, kienet tidher mejta jew bla użu produttiv. Xi drabi, għajnejha kienu jinfetħu bil-mod ħafna, bħal qisha għaddejjha mill-uġigħ tal-ħlas u kull raġġ ta' dawl nebbiexi kien qed jgħaddiha minn tortura mhux mistħoqqha. Fommha qatt ma fetħitu. L-Imkisser kien jimmaġina x'vuċi jew ħsejjes setgħu joħorġu minn bejn dawk xofftejha żgħar u fraġli. Qatt ma sar jaf.
L-Imkisser kien jintilef f'għajnejha. F'dawk is-sekondi ta' kuntatt aljen kien jidħol f'dinja ta' kuluri mġienen imħallta flimkien b'tali mod li wieħed ma jingħarafx mill-ieħor: l-armonija fil-kaos relattiv. Kien jisma' eluf ta' ħsejjes, kull wieħed distint mill-ieħor, u jistagħġeb kif minn silenzju assolut setgħu joħorġu dawk il-ħsejjes li għalih kienu moviment wara ieħor sakemm jaslu fil-krexxendo u qalbu tkun se tisplodi. X'poter kellha fiha din l-entità misterjuża iżda intriganti? Għaliex ma taqsamx dak li hemm ġo fiha mal-bqija? L-Istorbju qatt ma semma' xejn. Għaliex kellu jgawdi biss dawk il-ftit sekondi darba f'mitt qamar? Imbagħad jirrealizza li l-ħolma spiċċat, għajnejha ingħalqu u magħhom kull sens ta' ħajja fih.

Min-naħa l-oħra tal-kamra l-Istorbju beda jgedwed waħdu, jgħajjat u jsabbat. Rasu beda jdamdama mal-ħajt. Hemm aħna, bdejna: lura għan-normalità miskina tagħna. L-Imkisser tmattar ftit, bidel il-pożizzjoni f'waħda aktar komda u reġa' ntilef fil-ħsieb. It-tamiet tiegħu li jżommuh għaddej huma dawk il-ftit sekondi ta' konċepiment u abort. (C)

Lejlet il-Milied

Happy Christmas sieħbi.
hekk qalli r-raġel daħna
li xtaqt kont jien.

Ikliet, kuluri, kartolini...
nixxennaq grokk imdardar ta' mħabba,
ninġazza mar-rgħajja f'dal-wied.

Mal-bar iqattar sakra mfewħa serraħt id żvujtata,
Milied ieħor bla 'nċens,
l-għekiesi jċekċku l-ruħi.

Indur il-ħwienet iteptpu l-fidwa,
fuq il-bankina naqla' l-intern iswed kaħlani
biex nigref, insib l-abjad li darba kien.

Dis-sena r-rigal jerġa' jibqa' jistenna,
f'ċella mejta ta' ruħ tiffantasizza l-maħfra,
f'klandestin jitkellem l-aħħar tqarbina,
f'qaħba f'kantuniera twelled storja predestinata
f'Milied tal-maskri mlewna stalagmiti.

Dis-sena nerġa' nitgħannaq mas-solitudni,
mat-tama li għada, xi darba,
il-letterbox insibha mimlija. (C)

Wednesday, December 16, 2009

Eżistenzjaliżmu

Kif wieħed jista' jifhem l-esseri fil-profondità jekk ma jafx jeżistix jew le? Inħossni ngħix f'dinja maħluqa u ppreparata għalija – ippredestinat mingħajr għażla. Pupazz bi spag se jitqattaw li għejja jitmexxa minn regoli li jakkomodaw lill-kbir. Inħossni ngħix f'dinja li ħlaqt jien biex ninqata' minn kull ipokrezija ta' nies bla ruħ. Iżda ħafna drabi nkun ipokrita miegħi nnifsi – allura jien ukoll bla ruħ? Tolstoy qal li l-bniedem jipprova jissupplixxi lill-eżistenza tiegħu b'ammont ta' immaġinazzjoni biex kemm jista' jkun iħossu aljenat. Għal Marx l-aljenazzjoni kienet ir-reliġjon. U fiż-żmien tal-lum ma naħsibx li din l-idea tbiddlet wisq. Forsi nsejħulha spiritwalità u tiftixa 'l ġewwa fil-qalb unika ta' kull bniedem. Għaliex il-bniedem iħoss il-bżonn li jkun aljenat? Minn xiex irid jaħrab u jaljena lilu nnifsu? Naf li dawn il-mistoqsijiet għamluhom mijiet u eluf ta' nies qabli u hekk se jibqgħu jagħmlu. Dan sinjal li l-bniedem mhux annimal biss imma xi ħadd li qiegħed fi vjaġġ biex jiskopri xi tip ta' verità. L-ikbar problema li jsib ruħu fiha l-bniedem hija r-rutina – li jiġi istituzzjonalizzat minn ideat arbitrarji. Mingħajr dawn l-ideat, regoli, jgħidulna li l-bniedem isib lilu nnifsu f'kaos totali u s-soċjetà ma tiffunzjonax kif suppost. Imma x'inhu dan is-suppost? Min ivvinta x'inhu normali u x'mhux?

Il-bniedem, jinqata' kemm jinqata' mir-realtà, ma jistax jinnega l-fatt li għandu oriġini. Dawn huma ttimmbrati fil-qiegħ ta' dak li jagħmlu uman. Jekk bniedem ma jiskoprix minn fejn ġie qabel fejn hu sejjer, se jitlef it-triq u jidħol f'disprament eżistenzjali li mhux faċli joħroġ minnu. Irridu jew ma rridux, m'aħniex esseri li ngħixu fil-baħħ. Mill-banda l-oħra nsibuha diffiċli biex ngħixu f'armonija totali mal-ġirien tagħna jew ma' xi razza oħra. Dawk li ma jaqblux ma' kull idea tagħna huma injoranti u mhux ċivilizzati. F'għajnejna is-suwed jibqgħu suwed, il-Franċiżi jibqgħu mxammrin u kull sterjotip ieħor jiġi ġustifikat b'xi raġuni li lanqas aħna ma nkunu ċerti minn fejn ġiet.

Nimmaġina l-bniedem mimli ħbula trasparenti ħerġin minn sidru u minn dahru. Dawn huma minsuġin ma' bnedmin oħra li ġew qablu u li għad iridu jitwieldu. Dawk ħerġin minn dahru marbutin mal-passat u dawk ħerġin minn sidru marbutin mal-futur. Il-ħbula mhux dejjem huma b'saħħithom għax magħmulin minn materjal differenti u l-ħxuna tagħhom tvarja sew. Il-bniedem huwa suxxettibbli għal kull ma jiġri madwaru u dan jaffetwa jekk dawn il-ħbula jissudawx jew jibdewx jiżżartu. Il-pupazz magħġun kif tridu s-soċjetà ma jdejquhx dawn il-ħbula għax jgħidulu li dawk parti minnu. Ir-rassenjazzjoni u l-biżà huma l-għodda tal-kbir. Hawnhekk ikun intilef kull sens ta' identità. Dak li jirrassenja lilu nnifsu mhu xejn aktar ħlief parti minn magna sofistikata li qed tinbena bil-mod. Sakemm iż-żejt jibqa' jingħata b'mod regolari ma tinqala' l-ebda problema.

Ir-ribell iħossu fgat minn dawn il-ħbula u għalhekk jiddeċiedi li jqaċċat kollox. Għall-bidu jħossu liberu iżda biż-żmien jista' jibda jinduna b'abbiss li jibda jiġbdu u jiġbdu sakemm ma jkunx jista' jżomm aktar u jintelaq f'idejn il-baħħ. Għalhekk ir-ribell jibda jerġa' jipprova jiggranfa mal-ħbula, jew il-ftit ħjut li jkun fadallu, sabiex jerġa' jipprova jgħaqqadhom. Dan mhux se jkun faċli u se jimtela feriti sakemm jirnexxielu. Meta, u jekk jirnexxielu jagħmel dan, se jħossu limitat fil-libertà imma jkun għaraf min hu u minn fejn ġie. Fl-essenza tiegħu se jibqa' ribell. Issa jista' jibda jaħseb għal fejn irid imur. Dan jagħmlu b'moħħ ċar u pjan determinat. Nemmen li titqaċċat mill-ħbula u terġa' tiskopri kif tgħaqqadhom huwa importanti biex issib verament min int.

Schopenhauer jikkonsidra l-Istorja bla sens għax skont hu kollox jerġa' jiġi kif kien. B'dan l-argument il-bniedem jista' jibqa statiku u ma jbiddel xejn. Jista' jibqa rassenjat li dak kollu li ġie ppreżentat lilu hu tajjeb u għall-ġid etern tiegħu. Kull ħsieb u azzjoni li l-bniedem jagħmel huma marbutin mal-assolut jew ir-relattiv. Il-bniedem jifforma opinjonijiet u valuri skont is-soċjetà li twieled fiha u huwa diffiċli li jbiddel dak li jemmen. Kull persuna taħseb li dak li temmen fih huwa t-tajjeb – l-assolut – u kulħadd għandu jaqbel magħha għall-ġid tal-umanità. U b'dan l-assolut ta' tjubija fqajna d-dinja bil-bombi u l-gwerer għax it-tajjeb tal-ieħor insejħulu ħażin,makabru u mxajtan. Fil-verità, ma jgħoddx l-assolut imma r-relattiv u dak li jaqbel lili sabiex insalva jien akkost ta' kollox. L-għajjat ta' demm innoċenti jitla' lejn is-sema u jsib il-bieb magħluq. B'hekk jibqa' jdur magħna mingħajr qatt ma jsib serħan. (C)

Snapshots tal-hekk imsejħa mħabba

I

Fil-benna ta' kliemek bdejt ninħall,
inqattar rubini akwamarini.
Ċellola ċellola ġew depożitati fil-kaxxaforti
moħbi tul is-sekli.

***

Raġġ il-qamar daħqani bidilna f'organu uniku,
ġisem wieħed imlaħħam mat-tfaqqigħ
tal-bombi kuluriti.

***

Qtar id-deheb u l-mirra tħalltu w xrobthom
mill-kalċi t'għasel fin.

***

Illejla nkomplu niżfnu l-aħħar valz estravaganti
mat-tama maħlula tidħaq b'ħalqha miftuq
li tehmiżni w titfgħali bews' eterna.

Inkebbibha fid-drapp jiżloq mużikali
u naħbiha taħt il-gaġġa ta' sidri nfernali.

II

Ikkrolla l-ispazju paralizzat li għannaqna jien u int,
int u jien li ssarrafna f'ċekkijiet ibbawnsjati
ta' int u int, jien u jien.

Il-kastelli djamantizzati sfaru f'toqba baħħ.
Ġrajja bla bidu bi tmiem miktub f'ramel frakass.

Illum niddikjara l-ovvju relattiv.
Imlibbes il-ġlekk tal-biżà atroċi
nerġa' niddikjara dak li ovvju qatt ma kien. (C)