Wednesday, December 16, 2009

Eżistenzjaliżmu

Kif wieħed jista' jifhem l-esseri fil-profondità jekk ma jafx jeżistix jew le? Inħossni ngħix f'dinja maħluqa u ppreparata għalija – ippredestinat mingħajr għażla. Pupazz bi spag se jitqattaw li għejja jitmexxa minn regoli li jakkomodaw lill-kbir. Inħossni ngħix f'dinja li ħlaqt jien biex ninqata' minn kull ipokrezija ta' nies bla ruħ. Iżda ħafna drabi nkun ipokrita miegħi nnifsi – allura jien ukoll bla ruħ? Tolstoy qal li l-bniedem jipprova jissupplixxi lill-eżistenza tiegħu b'ammont ta' immaġinazzjoni biex kemm jista' jkun iħossu aljenat. Għal Marx l-aljenazzjoni kienet ir-reliġjon. U fiż-żmien tal-lum ma naħsibx li din l-idea tbiddlet wisq. Forsi nsejħulha spiritwalità u tiftixa 'l ġewwa fil-qalb unika ta' kull bniedem. Għaliex il-bniedem iħoss il-bżonn li jkun aljenat? Minn xiex irid jaħrab u jaljena lilu nnifsu? Naf li dawn il-mistoqsijiet għamluhom mijiet u eluf ta' nies qabli u hekk se jibqgħu jagħmlu. Dan sinjal li l-bniedem mhux annimal biss imma xi ħadd li qiegħed fi vjaġġ biex jiskopri xi tip ta' verità. L-ikbar problema li jsib ruħu fiha l-bniedem hija r-rutina – li jiġi istituzzjonalizzat minn ideat arbitrarji. Mingħajr dawn l-ideat, regoli, jgħidulna li l-bniedem isib lilu nnifsu f'kaos totali u s-soċjetà ma tiffunzjonax kif suppost. Imma x'inhu dan is-suppost? Min ivvinta x'inhu normali u x'mhux?

Il-bniedem, jinqata' kemm jinqata' mir-realtà, ma jistax jinnega l-fatt li għandu oriġini. Dawn huma ttimmbrati fil-qiegħ ta' dak li jagħmlu uman. Jekk bniedem ma jiskoprix minn fejn ġie qabel fejn hu sejjer, se jitlef it-triq u jidħol f'disprament eżistenzjali li mhux faċli joħroġ minnu. Irridu jew ma rridux, m'aħniex esseri li ngħixu fil-baħħ. Mill-banda l-oħra nsibuha diffiċli biex ngħixu f'armonija totali mal-ġirien tagħna jew ma' xi razza oħra. Dawk li ma jaqblux ma' kull idea tagħna huma injoranti u mhux ċivilizzati. F'għajnejna is-suwed jibqgħu suwed, il-Franċiżi jibqgħu mxammrin u kull sterjotip ieħor jiġi ġustifikat b'xi raġuni li lanqas aħna ma nkunu ċerti minn fejn ġiet.

Nimmaġina l-bniedem mimli ħbula trasparenti ħerġin minn sidru u minn dahru. Dawn huma minsuġin ma' bnedmin oħra li ġew qablu u li għad iridu jitwieldu. Dawk ħerġin minn dahru marbutin mal-passat u dawk ħerġin minn sidru marbutin mal-futur. Il-ħbula mhux dejjem huma b'saħħithom għax magħmulin minn materjal differenti u l-ħxuna tagħhom tvarja sew. Il-bniedem huwa suxxettibbli għal kull ma jiġri madwaru u dan jaffetwa jekk dawn il-ħbula jissudawx jew jibdewx jiżżartu. Il-pupazz magħġun kif tridu s-soċjetà ma jdejquhx dawn il-ħbula għax jgħidulu li dawk parti minnu. Ir-rassenjazzjoni u l-biżà huma l-għodda tal-kbir. Hawnhekk ikun intilef kull sens ta' identità. Dak li jirrassenja lilu nnifsu mhu xejn aktar ħlief parti minn magna sofistikata li qed tinbena bil-mod. Sakemm iż-żejt jibqa' jingħata b'mod regolari ma tinqala' l-ebda problema.

Ir-ribell iħossu fgat minn dawn il-ħbula u għalhekk jiddeċiedi li jqaċċat kollox. Għall-bidu jħossu liberu iżda biż-żmien jista' jibda jinduna b'abbiss li jibda jiġbdu u jiġbdu sakemm ma jkunx jista' jżomm aktar u jintelaq f'idejn il-baħħ. Għalhekk ir-ribell jibda jerġa' jipprova jiggranfa mal-ħbula, jew il-ftit ħjut li jkun fadallu, sabiex jerġa' jipprova jgħaqqadhom. Dan mhux se jkun faċli u se jimtela feriti sakemm jirnexxielu. Meta, u jekk jirnexxielu jagħmel dan, se jħossu limitat fil-libertà imma jkun għaraf min hu u minn fejn ġie. Fl-essenza tiegħu se jibqa' ribell. Issa jista' jibda jaħseb għal fejn irid imur. Dan jagħmlu b'moħħ ċar u pjan determinat. Nemmen li titqaċċat mill-ħbula u terġa' tiskopri kif tgħaqqadhom huwa importanti biex issib verament min int.

Schopenhauer jikkonsidra l-Istorja bla sens għax skont hu kollox jerġa' jiġi kif kien. B'dan l-argument il-bniedem jista' jibqa statiku u ma jbiddel xejn. Jista' jibqa rassenjat li dak kollu li ġie ppreżentat lilu hu tajjeb u għall-ġid etern tiegħu. Kull ħsieb u azzjoni li l-bniedem jagħmel huma marbutin mal-assolut jew ir-relattiv. Il-bniedem jifforma opinjonijiet u valuri skont is-soċjetà li twieled fiha u huwa diffiċli li jbiddel dak li jemmen. Kull persuna taħseb li dak li temmen fih huwa t-tajjeb – l-assolut – u kulħadd għandu jaqbel magħha għall-ġid tal-umanità. U b'dan l-assolut ta' tjubija fqajna d-dinja bil-bombi u l-gwerer għax it-tajjeb tal-ieħor insejħulu ħażin,makabru u mxajtan. Fil-verità, ma jgħoddx l-assolut imma r-relattiv u dak li jaqbel lili sabiex insalva jien akkost ta' kollox. L-għajjat ta' demm innoċenti jitla' lejn is-sema u jsib il-bieb magħluq. B'hekk jibqa' jdur magħna mingħajr qatt ma jsib serħan. (C)

No comments:

Post a Comment