Friday, December 17, 2010

Il-Pesta Bla Kulur

Fi ċpar imlaħħam imdellek ma' xagħri
ġarrejt il-mewt fuq karru żlugat,
idha tkaxkar maż-żrar turmentat,
ġrieden 'pestati jnaqqru fil-fond
jisirqu l-erwieħ f'abbiss ċirku tond.

Wiċċi mgħotti, ċarruta ma' ħalqi,
kull seba' minuti niċċekja taħt abti
biex nara l-infafet tax-xjaten twildux.

Il-mewt mgħottija, mid-dinja moħbija
inġorr u niġbed sakemm intiegħem
melħa melħa mill-għaraq spuntat.

Waqaft nistrieħ mitt metru 'l bogħod
minn munzell bċejjeċ ta' katavri mneffħin.

Biz-zokk għollejt l-għata li satret il-mewt,
in-nifs qatel ruħu, tiċlisa żellieġa, kollox idur,
imħabbti hemm rieqda, intfielha l-kulur. (C)

Friday, December 3, 2010

Minuta Silenzju

Tbatija: ta' min tgħajjat maħnuqa,
ta' min belgħet ilsienha.

Minuta silenzju għat-tqattigħ murtalesk
bil-pellikan iteftef l-offerta enneżma.

Minuta silenzju għat-torrijiet progressivi
bbalzmati f'tlett elef memorja eterna.

Minuta silenzju għall-minuti miktuba
moħlija ta' kittieb eżiljat.

Minuta silenzju għall-mara b'sidirha ċoff
li jinħall kull filgħaxija.

Minuta silenzju għall-immigrant irregolari
bil-passaport ġdid jixgħel f'idu,
imxarrab b'melħ odjuż.

Minuta silenzju għall-omm bla tfal
tibki trabi mxaqqa.

Minuta silenzju għas-suldat imriegħed
bil-fwied ta' sieħbu f'idu.

Minuta silenzju għall-art imqaddsa
bid-demm Palestinjan.

Tbatija mkeffna f'minuta silenzju.

Minuta silenzju...issa nistgħu nkomplu. (C)