Thursday, December 24, 2009

Is-Silenzju

Fil-ħemda tal-kamra kienu tlieta: is-Silenzju Sħiħ, is-Silenzju Mkisser u l-Istorbju. Tinstema' biss is-sekondiera tal-arloġġ imwaħħal mal-granpun nofsu maqlugħ fil-kamra ta' biswithom. Il-kamra kienet żgħira biex it-tlieta li huma jkunu komdi kif jixtiequ. Bħal f'kollox, il-kompromess u l-adattament għas-sitwazzjoni kienet is-soluzzjoni imposta fuqhom bla ebda għażla oħra. Minbarra t-tieqa, il-kamra kienet imneżżgħa minn kull komponent li darba kien jifforma ġisimha. Illum fadal biss skeletru t'erba' ħitan li kuljum jitolbu għal gwerra imminenti.

L-Istorbju, b'riġlejh joqomsu f'ritmu mużikali stunat, għal darba kien kwiet. L-istatura ġganteska kienet tintimida anke lill-allat mitoloġiċi f'moħħ in-nies hekk imsejħa normali. Kien ipoġġi, meta jkollu sabar, fl-istess post: taħt it-tieqa ċkejkna li lanqas hu ma seta' jittawwal minnha. Rarament kienu jiddisktu fuq ipoteżijiet ta' x'seta' kien hemm 'il barra minn dawk l-erba' biċċiet ta' ħadid imsadda iżda b'saħħithom. Meta kienu jagħmlu dan, l-Istorbju kien jippassiġġa minn naħa għall-oħra, jigref b'dufrejh il-ħitan sakemm joħloq arti surreali. L-Imkisser kien iħares lejh u jibqa' passiv.

L-Imkisser kellu statura żgħira u debboli. Kien jimrad ta' spiss u leħnu kien isemmgħu fil-bżonn biss. F'dal-ħin, is-silenzju f'dik il-kamra misħuta kien qed joqtlu minn ġewwa. Is-sekondiera ttektek bdiet bil-mod il-mod iddaħħlu fl-insanità. Għalfejn kellu jingħata dan l-irwol? Għaliex ma setax ikun normali bħal ħaddieħor? L-elettriċità fil-kuriduri ta' moħħu bdiet għaddejja b'veloċità fenomenali waqt li tisparkjalu kull ċellola li kien fadal ħajja u li kellha aptit tagħmel xogħolha. Wara kollox, kull ħaddiem ħaqqu l-mistrieħ tiegħu. F'inqas minn sekonda wara staqsa lilu nnifsu bħal min xtaq li jkun normali. Ma kien jaf lil ħadd.

Ħares lejn l-Isħiħ li bħas-soltu qas in-nifs teneru tagħha ma kien jisma'. Isbaħ mix-xemx u l-anġli f'daqqa imma moħlija f'ħajja li qatt ma seta' jifhem. B'għajnejha magħluqin u f'pożizzjoni ta' fetu mistrieħ fl-ilma tas-sigurtà, kienet tqatta' l-ġranet tagħha hekk. Għal għajnejn barranin u korrotti, kienet tidher mejta jew bla użu produttiv. Xi drabi, għajnejha kienu jinfetħu bil-mod ħafna, bħal qisha għaddejjha mill-uġigħ tal-ħlas u kull raġġ ta' dawl nebbiexi kien qed jgħaddiha minn tortura mhux mistħoqqha. Fommha qatt ma fetħitu. L-Imkisser kien jimmaġina x'vuċi jew ħsejjes setgħu joħorġu minn bejn dawk xofftejha żgħar u fraġli. Qatt ma sar jaf.
L-Imkisser kien jintilef f'għajnejha. F'dawk is-sekondi ta' kuntatt aljen kien jidħol f'dinja ta' kuluri mġienen imħallta flimkien b'tali mod li wieħed ma jingħarafx mill-ieħor: l-armonija fil-kaos relattiv. Kien jisma' eluf ta' ħsejjes, kull wieħed distint mill-ieħor, u jistagħġeb kif minn silenzju assolut setgħu joħorġu dawk il-ħsejjes li għalih kienu moviment wara ieħor sakemm jaslu fil-krexxendo u qalbu tkun se tisplodi. X'poter kellha fiha din l-entità misterjuża iżda intriganti? Għaliex ma taqsamx dak li hemm ġo fiha mal-bqija? L-Istorbju qatt ma semma' xejn. Għaliex kellu jgawdi biss dawk il-ftit sekondi darba f'mitt qamar? Imbagħad jirrealizza li l-ħolma spiċċat, għajnejha ingħalqu u magħhom kull sens ta' ħajja fih.

Min-naħa l-oħra tal-kamra l-Istorbju beda jgedwed waħdu, jgħajjat u jsabbat. Rasu beda jdamdama mal-ħajt. Hemm aħna, bdejna: lura għan-normalità miskina tagħna. L-Imkisser tmattar ftit, bidel il-pożizzjoni f'waħda aktar komda u reġa' ntilef fil-ħsieb. It-tamiet tiegħu li jżommuh għaddej huma dawk il-ftit sekondi ta' konċepiment u abort. (C)

Lejlet il-Milied

Happy Christmas sieħbi.
hekk qalli r-raġel daħna
li xtaqt kont jien.

Ikliet, kuluri, kartolini...
nixxennaq grokk imdardar ta' mħabba,
ninġazza mar-rgħajja f'dal-wied.

Mal-bar iqattar sakra mfewħa serraħt id żvujtata,
Milied ieħor bla 'nċens,
l-għekiesi jċekċku l-ruħi.

Indur il-ħwienet iteptpu l-fidwa,
fuq il-bankina naqla' l-intern iswed kaħlani
biex nigref, insib l-abjad li darba kien.

Dis-sena r-rigal jerġa' jibqa' jistenna,
f'ċella mejta ta' ruħ tiffantasizza l-maħfra,
f'klandestin jitkellem l-aħħar tqarbina,
f'qaħba f'kantuniera twelled storja predestinata
f'Milied tal-maskri mlewna stalagmiti.

Dis-sena nerġa' nitgħannaq mas-solitudni,
mat-tama li għada, xi darba,
il-letterbox insibha mimlija. (C)

Wednesday, December 16, 2009

Eżistenzjaliżmu

Kif wieħed jista' jifhem l-esseri fil-profondità jekk ma jafx jeżistix jew le? Inħossni ngħix f'dinja maħluqa u ppreparata għalija – ippredestinat mingħajr għażla. Pupazz bi spag se jitqattaw li għejja jitmexxa minn regoli li jakkomodaw lill-kbir. Inħossni ngħix f'dinja li ħlaqt jien biex ninqata' minn kull ipokrezija ta' nies bla ruħ. Iżda ħafna drabi nkun ipokrita miegħi nnifsi – allura jien ukoll bla ruħ? Tolstoy qal li l-bniedem jipprova jissupplixxi lill-eżistenza tiegħu b'ammont ta' immaġinazzjoni biex kemm jista' jkun iħossu aljenat. Għal Marx l-aljenazzjoni kienet ir-reliġjon. U fiż-żmien tal-lum ma naħsibx li din l-idea tbiddlet wisq. Forsi nsejħulha spiritwalità u tiftixa 'l ġewwa fil-qalb unika ta' kull bniedem. Għaliex il-bniedem iħoss il-bżonn li jkun aljenat? Minn xiex irid jaħrab u jaljena lilu nnifsu? Naf li dawn il-mistoqsijiet għamluhom mijiet u eluf ta' nies qabli u hekk se jibqgħu jagħmlu. Dan sinjal li l-bniedem mhux annimal biss imma xi ħadd li qiegħed fi vjaġġ biex jiskopri xi tip ta' verità. L-ikbar problema li jsib ruħu fiha l-bniedem hija r-rutina – li jiġi istituzzjonalizzat minn ideat arbitrarji. Mingħajr dawn l-ideat, regoli, jgħidulna li l-bniedem isib lilu nnifsu f'kaos totali u s-soċjetà ma tiffunzjonax kif suppost. Imma x'inhu dan is-suppost? Min ivvinta x'inhu normali u x'mhux?

Il-bniedem, jinqata' kemm jinqata' mir-realtà, ma jistax jinnega l-fatt li għandu oriġini. Dawn huma ttimmbrati fil-qiegħ ta' dak li jagħmlu uman. Jekk bniedem ma jiskoprix minn fejn ġie qabel fejn hu sejjer, se jitlef it-triq u jidħol f'disprament eżistenzjali li mhux faċli joħroġ minnu. Irridu jew ma rridux, m'aħniex esseri li ngħixu fil-baħħ. Mill-banda l-oħra nsibuha diffiċli biex ngħixu f'armonija totali mal-ġirien tagħna jew ma' xi razza oħra. Dawk li ma jaqblux ma' kull idea tagħna huma injoranti u mhux ċivilizzati. F'għajnejna is-suwed jibqgħu suwed, il-Franċiżi jibqgħu mxammrin u kull sterjotip ieħor jiġi ġustifikat b'xi raġuni li lanqas aħna ma nkunu ċerti minn fejn ġiet.

Nimmaġina l-bniedem mimli ħbula trasparenti ħerġin minn sidru u minn dahru. Dawn huma minsuġin ma' bnedmin oħra li ġew qablu u li għad iridu jitwieldu. Dawk ħerġin minn dahru marbutin mal-passat u dawk ħerġin minn sidru marbutin mal-futur. Il-ħbula mhux dejjem huma b'saħħithom għax magħmulin minn materjal differenti u l-ħxuna tagħhom tvarja sew. Il-bniedem huwa suxxettibbli għal kull ma jiġri madwaru u dan jaffetwa jekk dawn il-ħbula jissudawx jew jibdewx jiżżartu. Il-pupazz magħġun kif tridu s-soċjetà ma jdejquhx dawn il-ħbula għax jgħidulu li dawk parti minnu. Ir-rassenjazzjoni u l-biżà huma l-għodda tal-kbir. Hawnhekk ikun intilef kull sens ta' identità. Dak li jirrassenja lilu nnifsu mhu xejn aktar ħlief parti minn magna sofistikata li qed tinbena bil-mod. Sakemm iż-żejt jibqa' jingħata b'mod regolari ma tinqala' l-ebda problema.

Ir-ribell iħossu fgat minn dawn il-ħbula u għalhekk jiddeċiedi li jqaċċat kollox. Għall-bidu jħossu liberu iżda biż-żmien jista' jibda jinduna b'abbiss li jibda jiġbdu u jiġbdu sakemm ma jkunx jista' jżomm aktar u jintelaq f'idejn il-baħħ. Għalhekk ir-ribell jibda jerġa' jipprova jiggranfa mal-ħbula, jew il-ftit ħjut li jkun fadallu, sabiex jerġa' jipprova jgħaqqadhom. Dan mhux se jkun faċli u se jimtela feriti sakemm jirnexxielu. Meta, u jekk jirnexxielu jagħmel dan, se jħossu limitat fil-libertà imma jkun għaraf min hu u minn fejn ġie. Fl-essenza tiegħu se jibqa' ribell. Issa jista' jibda jaħseb għal fejn irid imur. Dan jagħmlu b'moħħ ċar u pjan determinat. Nemmen li titqaċċat mill-ħbula u terġa' tiskopri kif tgħaqqadhom huwa importanti biex issib verament min int.

Schopenhauer jikkonsidra l-Istorja bla sens għax skont hu kollox jerġa' jiġi kif kien. B'dan l-argument il-bniedem jista' jibqa statiku u ma jbiddel xejn. Jista' jibqa rassenjat li dak kollu li ġie ppreżentat lilu hu tajjeb u għall-ġid etern tiegħu. Kull ħsieb u azzjoni li l-bniedem jagħmel huma marbutin mal-assolut jew ir-relattiv. Il-bniedem jifforma opinjonijiet u valuri skont is-soċjetà li twieled fiha u huwa diffiċli li jbiddel dak li jemmen. Kull persuna taħseb li dak li temmen fih huwa t-tajjeb – l-assolut – u kulħadd għandu jaqbel magħha għall-ġid tal-umanità. U b'dan l-assolut ta' tjubija fqajna d-dinja bil-bombi u l-gwerer għax it-tajjeb tal-ieħor insejħulu ħażin,makabru u mxajtan. Fil-verità, ma jgħoddx l-assolut imma r-relattiv u dak li jaqbel lili sabiex insalva jien akkost ta' kollox. L-għajjat ta' demm innoċenti jitla' lejn is-sema u jsib il-bieb magħluq. B'hekk jibqa' jdur magħna mingħajr qatt ma jsib serħan. (C)

Snapshots tal-hekk imsejħa mħabba

I

Fil-benna ta' kliemek bdejt ninħall,
inqattar rubini akwamarini.
Ċellola ċellola ġew depożitati fil-kaxxaforti
moħbi tul is-sekli.

***

Raġġ il-qamar daħqani bidilna f'organu uniku,
ġisem wieħed imlaħħam mat-tfaqqigħ
tal-bombi kuluriti.

***

Qtar id-deheb u l-mirra tħalltu w xrobthom
mill-kalċi t'għasel fin.

***

Illejla nkomplu niżfnu l-aħħar valz estravaganti
mat-tama maħlula tidħaq b'ħalqha miftuq
li tehmiżni w titfgħali bews' eterna.

Inkebbibha fid-drapp jiżloq mużikali
u naħbiha taħt il-gaġġa ta' sidri nfernali.

II

Ikkrolla l-ispazju paralizzat li għannaqna jien u int,
int u jien li ssarrafna f'ċekkijiet ibbawnsjati
ta' int u int, jien u jien.

Il-kastelli djamantizzati sfaru f'toqba baħħ.
Ġrajja bla bidu bi tmiem miktub f'ramel frakass.

Illum niddikjara l-ovvju relattiv.
Imlibbes il-ġlekk tal-biżà atroċi
nerġa' niddikjara dak li ovvju qatt ma kien. (C)

Wednesday, November 25, 2009

Nemmen – Ma Nemminx

Qbadt il-ħobża ġisem u dellikta
bi ftit dwejjaq imfewwaħ.
Xrobt mill-kalċi l-għeneb magħsur
mill-ħabba t'għajnejk.

Ħallatthom u qlajt ostja mġemmda
tfarfar nirien oskuri.
L-istonku mdewweb ġie f'tiegħu.

Għada jerġa' jaqbadni l-ġuħ.
Għada nibda d-dieta. (C)

Friday, November 20, 2009

Osservazzjoni silenzjuża fost l-istorbju tal-Belt

Inżilt minn fuq tal-linja u ħarist madwari. Għal ftit sekondi ħassejtni mitluf, trasportat għal ġewwa ajruport, fejn l-unika attività li wieħed jista' jagħmel hu li jistenna. Nies minn kull razza u ġens – kollha differenti magħqudin flimkien bl-istennija. Min jibgħat messaġġ, min iċempel, min jiċċassa u min jixtri dak li m'għandux bżonn biex jaħraq il-ħin. Dawk il-ftit li mhumiex jistennew qegħdin bilqiegħda fuq bank f'xi gabbana, mitlufin f'xi argument sħun għax b'hekk biss jistgħu jaljenaw lilhom infushom mill-istennija.

Jien ukoll kont qed nistenna – li jgħaddi l-ħin sabiex tibda l-produzzjoni teatrali li kont sejjer nara. Jien minix bħal dawn. Jien bniedem kolt u ta' kultura għalkemm ma nafx eżatt xi tfisser li tkun hekk. Ersaqt lejn gabbana minnhom u xtrajt pakkett sigaretti. F'inqas minn ħames sekondi kelli wieħed imqabbad f''ħalqi u bdejt miexi lejn Bieb il-Belt. Taqbadni għafsa ta' qalb hekk kif ngħaddi minn taħt dal-monstru waħxi li ħadd għadu ma sab rimedju kif joqtlu. Ftit metri wara nerġa' nifraħ hekk kif nitla' taraġ grandjuż li llum minsi minn kulħadd. Hemm joqgħod anzjan li ftit nies jafuh u ftit inqas jieqfu jkellmuh. Kieku jafu l-istorja tiegħu u kemm kien joffri gost teatrali lil mijiet ta' nies żgur ibiddlu l-perċezzjoni tagħhom dwaru. Illum dan l-anzjan jinsab għajjien ħafna – qatt ma rkupra minn meta ġie ferut fil- gwerra. Jgħajjat kemm jgħajjat, it-talba tiegħu għal fejqan ma nstemgħet qatt. Dan l-aħħar qed jissemma li daqt imut u minfloku se jieħdu postu l-aqwa atturi, magħrufin aħjar bħala l-Onorevoli Ministri, tal-akbar teatrin li qatt kien hawn f'Malta.

Bqajt miexi nosserva n-nies mgħaġġlin u oħrajn jitlajjaw għax ma jridux jirritornaw lura d-dar. Inħossni f'dinja oħra jien u għaddej minn qalb dal-bini qadim nifsu tqil. B'ħarsti 'l fuq nilmaħ kull naqxa fil-ġebel, teżori moħbijin li taw identità lil dil-Belt għażiża tagħna. L-immaġinazzjoni twassalni biex noħloq stejjer ta' x'setgħu raw jew ma rawx dawn id-djar. Kemm twelid u mwiet, infedeltajiet u mħabba mistura. U fis-skiet tagħhom bħal ħrief lestin għal qatla jilqgħu dak kollu li jiġi ma' wiċċhom.

Fl-aħħar nasal Pjazza Reġina. Ħarist lejn l-arloġġ u kien fadal tlett kwarti biex tibda l-produzzjoni. Tajjeb ħsibt – nilħaq nieħu flixkun birra. Poġġejt madwar mejda u qabbadt sigarett ieħor. Sellimt ħafif ħafif lir-reġina mdawra bis-sudditi ġodda tagħha – annimali żgħar u komuni, bla ebda pretensjoni imma leali lejn din l-omm li tipproteġihom. Għajnejja u għajnejn il-wejter iltaqgħu u f'dawk iż-żewġ sekondi seħħet il-komunikazzjoni kollha li kien hemm bżonn. Kien liebes eleganti mmens: qmis bajda stirata ma' sidru ppupat u qalziet iswed bit-tinja; ċoff u ġlekk iswed; u żarbun iswed blakkat li tara x-xemx tixgħel fih. Imma ma jistax jagħmel mod ieħor. Wara kollox jinsab fil-preżenza ta' reġina. Stħajjiltu 'Road Runner', jiġri u jgħaqqad madwar il-mejda b'ħila ta' sewwieq tar-Rally. Xogħlu hu li jakkomoda l-klijent f'kull ma jrid. Tħassartu għax immaġinajt li dan hu t-tieni xogħol part-time tiegħu sabiex ikun jista' jmantni l-familja tiegħu u jlaħħaq mal-ogħli tal-ħajja.

Resaq lejja b'dik il-ħeffa li reġat impressjonatni meta tqis li dal-bniedem kien qabeż il-ħamsin sew. Tlabtu l-menu biex noqgħod niċċassa lejh u pinta birra. Ħa l-ordni,daħħal ir-rivers u telaq sparat biex jaqdini. Fil-bogħod bdew jinstemgħu l-qniepen idoqqu, isejħu lill-fidili għall-aħħar ċans tal-ġurnata biex jiltaqgħu mal-Mulej. Ftaħt il-menu u qagħadt naqra kull item li kien hemm fuqu. Ma kellix idea għaliex tlabtulu. Wara kollox, ħafna nies (inkluż jien) jidħlu f'mument intimu mal-menu biex fl-aħħar mill-aħħar dejjem jispiċċaw jagħżlu l-istess. Forsi din tirrifletti mentalità li l-bniedem komdu kif inhu u jibża' jirriskja. U l-birra waslet f'ħin rekord.

Fuq il-mejda ta' quddiemi kien qed jintlaħaq il-qofol tal-istennija: attività li f'ħajti rari rajtha. Żewġ irġiel strateġisti, akkumpanjati minn flixkun Perrier, kienu jinsabu fi gwerra qalila. It-tnejn li huma attenti għall-iċken żball li jista' jwettaq l-ieħor. L-armati tagħhom kienu mħejjijin sew: suldati fuq quddiem nett segwiti minn kavallerija; isqfijiet ibierku l-armata u jitolbu 'l Alla għal kull ruħ li kien hemm preżenti; u fl-aħħar ir-re u r-reġina moħbijin wara l-kastell jagħtu l-ordnijiet imma mbeżżgħin. Żewġ ġenerali li għarfu jaħkmu l-qawwa tal-ħin u jdawruha favur tagħhom. Dan kollu kien qed iseħħ fost iċ-ċekċik tat-tazzi u d-daħq sfrenat li kien ġej mill-mejda ta' ħdejhom. Grupp ta' turisti żgħażagħ li ma kienux qed jindunaw bil-periklu ta' gwerra imminenti pass 'il bogħod minnhom.

Wieħed minnhom kien qed jargumenta mal-wejter li t-torta li ordna kienet għadha ma waslitlux. U dan kien ordnaha inqas minn ħames minuti qabel. Il-bniedem inbidel b'mod irreversibbli. L-importanza li jagħti lil kull ma jiġri hi kemm tkun immedjata l-ħaġa, u x'qed jiġri lil ħaddieħor: kemm se jdum ma jillowdja l-kompjuter; x'inhi liebsa dik, u x'qed jgħid dak. Il-ħajja tagħna bnejniha fuq il-gost li jagħtuna l-iskandli ta' ħaddieħor. L-iskandli tagħna nitfgħuhom taħt it-tapit ħalli ma jidhrux. Sakemm jasal il-mument li dan it-tapit jitnaddaf waħda sew u nkunu suġġetti għad-daħq ta' ħaddieħor. Il-wejter irnexxielu jikkalma lit-turist b'tattika li żgur ma tgħallimha mill-ebda kors tal-ETC. Fil-viċinanzi beda jinstema' ħafna għajjat imma meta dort biex nara x'ġara ma lmaħt xejn.

Possibli ħadd mhu jisimgħu? Minn fejn il-qaħba kien ġej? Erġajt dort imma kull ma rajt kienu r-reġina tipprepara biex tidħol torqod, u warajha l-bini maestuż li jaħżen l-għerf kollu Malti. Iċ-ċelloli f'moħħi bdew jaħdmu overtime sakemm sabu s-soluzzjoni u lluminawhieli. Dażgur ħsibt – il-kotba. Miljuni t'ilħna miġburin f'kor wieħed, ħerġin minn eluf ta' kotba u manuskritti xjuħ. It-talba muġugħa ħierġa minn fommhom kienet li dawn jitneħħielhom it-trab, jinfetħu u jintilfu fi djalogu intimu mal-qarrej. Donnu li l-bniedem ma kienx qed jismagħhom. Forsi tort tagħhom li jinsabu moħbijin hemm ġew, u jgħajjtu fuq frekwenza differenti li l-bniedem mhux kapaċi jisma'. Leħinhom kiebi u seren beda jiksili l-ġismi b'balzmu jfuħ u jistedinni biex ningħaqad magħhom u nsiru ġisem wieħed f'dinja li żgur ma toħroġx minnha. Irreżistejt it-tentazzjoni għax ma kenitx f'ħinha u rbaħtilhom. Wara ftit qatgħu qalbhom u waqfu – silenzju perfett waqa' fuq il-pjazza.

Ħarist lejn l-arloġġ u ndunajt li sar il-ħin. Ma xtaqtx nitlaq għax l-intimità aggressiva waħħlitli sieqi mas-siġġu. Iżda ma stajtx nitlef il-produzzjoni. Żewġ maħbubin jitqatlu bejniethom għal dal-bniedem imsejken. Ridt nieħu deċiżjoni malajr. Xrobt l-aħħar ftit birra li kien fadalli, ħallast lil wejter u tlaqt. Wara ftit passi waqaft u ħarist lura. Ix-xemx kienet qed tagħti l-aħħar tislijiet tal-ġurnata. It-turisti qamu minn mal-mejda biex jerħulha lura minn fejn kienu ġew. Mid-dehra l-gwerra kienet intrebħet u ntilfet. Il-flixkun tal-Perrier kien l-unika kumpanija li l-wejter kien fadallu. Mill-bogħod reġgħet bdiet ġejja l-għajta tas-sireni seduċenti imma issa ma kienx il-mument li naħseb aktar. B'pass imgħaġġel erħejtilha lejn it-teatru. Darb'oħra niltaqgħu żgur. (C)

Friday, November 13, 2009

Ċensura

Iċ-ċensura - piena kapitali għall-awtur u għall-qarrej.

Miskin il-kittieb li jħarbex ribelljoni mitlufa!!

Ma rridx ninstema' melodrammatiku. Ir-realtà hi li fl-2009 għadna niġu kkontrollati mill-klikka ta' nies meqjusin kbar u divini u li jafu (u b'hekk jiddeċiedu) x'inhu tajjeb u x'inhu ħażin għall-poplu. Jaqbadni l-biki meta nara li fl-Università ta' Malta, l-ogħla istituzzjoni akkademika, jittieħdu deċiżjonijiet fejn jiċċensuraw lil xi ħadd milli jwassal messaġġ (hu x'inhu). Qabel tidħol għal xi kors jgħidulek li issa int matur u hawn huwa l-post fejn se tiftaħ moħħok u twessa' l-orizzonti. Ma ndaħħqux nies!!

Dawk in-nies li qed jipprovaw jiktbu xi ħaġa qed jagħmlu awto-ċensura kemm konxjament u kemm sub-konxjament. Konxjament għaliex l-awtur jiddeċiedi li biex ma jidħolx f'hassle u jibqa' jingħoġob mas-soċjetà normali, jagħżel li ma jiktibx fuq suġġetti hekk meqjusa 'jaħarqu'. Sub-konxjament għaliex is-soċjetà kontinwament ittambrilna f'moħħna dak li hu meqjus bħala tajjeb u dak li mhux. Jekk tikteb kliem meqjus espliċitu jgħajjruk pastaż u li trid toħloq sensazzjonaliżmu. Ħalliha li l-kliem li jingħad tisimgħu kuljum f'kull post u f'kull ħin.

Noħlom li xi darba dis-sitwazzjoni tinbidel. Jew għall-inqas, bħal Fredu Gambin f' 'Il-Gaġġa', nittama li d-dritt għall-espressjoni jkun vera dritt mingħajr ebda inibizzjonijiet. Ħaddieħor jaħseb li jrid u naċċettah. L-ebda ċensura mhu ħa żżomm lili u kittieba oħra milli ngħidu dak li għandna ngħidu. (C)

Thursday, November 12, 2009

Progressività

Ħolqa f'ħolqa ta' katina mqarqċa,
il-pala ta' jdejja bdiet ġrajja mitmuma.

L-oratur moħbi wara purtiera msadda,
iħabbar ġejjieni ta' għaqda utopika.
Is-sudditi fidili jkantaw salm imbandal
f'direzzjoni spazjali,
f'relattiviżmu mbażwar.

Sewda t-tama ta' min jixtieq iħobb,
karnalità mġissma li tgħib hi w titwieled,
minuskulu l-ferħ għall-iblah san bikkej,
kollox fervur, duħħan, tentazzjonijiet.

Bħal anġlu rekluta jistenna fil-waiting list
il-par ġwienaħ bojod li ħolom minn dejjem,
il-pala ta' jdejja bdiet ġrajja mitmuma
tiġbed mill-grampun imqabbad f'ilsienu;
il-bniedem għami trux mutu,
il-bniedem progressiv. (C)

Eleġija fis-Sħab

Irrid nikteb eleġija għal ruħi mejta.
Il-pinna saret trab.
Il-muża sfaret.
Is-sigarett intefa'. (C)

Stħajjil

Il-bniedem mistħajjel jistħajjel l-allat
ta' deheb, inċens u mirra.
Jibni djar tibna fuq tibna
mimlija toqob imżarrta fi ħjut imberfla
fejn jidħol ir-riħ li jqalla l-istonku.

Idawwar ma' ġismu mbenġel il-kutra
vjola mnittna u l-kesħa kiesħa
tibqa' l-akbar ħabiba tiegħu.

Stħajjel li l-ħolma xi darba tieqaf.
Qabel ħareġ l-aħħar nifs imġiddem induna
li l-ħolma qatt ma bdiet. (C)

Il-Karnival tal-Boloh

Għajat splussiv, tadam mifqugħ, daħq imħanxar.

Vjolin imxaqqaq jingħi noti suwed,
iħabbar kontra qalbu r-re tal-boloh.

Mit-toqba ta' maskla mwaħħla ma' wiċċ sfigurat
jara maskli nsara mxajtna -
jgħolluh, jonorawh għal darba, tnejn, tlieta.
Mgħobbi b'ħotba ta' dnubiet iqattru demm minsi.

Dak in-nhar seħħet it-tieni waqa' t'Adam
fejn il-bniedem progressiv sar serp riċediv.
L-onorevoli jtuh il-premju li jistħoqqlu.

Taqa' l-maskla.
Tieqaf iċ-ċajta.
Jibda s-silenzju. (C)

Bashir

Bashir waħdu fuq bejt imdewweb
b'ċomb kiesaħ li darba ħaraqlu ruħu.
Kull pass predestinat minn storja bla tmiem,
isalli u jsalli sakemm griżmejh maħnuqa joħorġu strajk
waqt li t-tapit imberfel jgħejja bit-toqol ta' talb minsi.

Id-dħaħen ta' kull tir immirat bi preċiżjoni astroloġika,
ta' kull bomba suwiċida kkalkulata f'ġieħ id-divin,
għattew ix-xemx paċifika għas-seba' snin tal-ġid.

Bashir libes nuċċali tal-konvoj karitattiv,
niżel jiġri minn garigor idur u jdur u jdur,
fetaħ il-bieb żlugat u ħass ix-xita aċiduża taħjih.
Erħielha għat-tarf tal-isqaq mimli żibel u preġudizzji.

Illum Bashir jorqod bid-daħqa fuq fommu.
L-elf bikja l-oħra jibqgħu fil-kju jistennew tama mejta. (C)

Suwiċidju

Ir-raġel b'wiċċ imfaqqa' b'ħarsa tal-ħġieġ,
iżomm senter f'idu, bil-kanna fil-post preċiż
bejn gerżumtu u l-għadma mċekċka t'Adam.

Il-leħja raffa spuntata tipprova tniggeż
il-kanna lixxa, delikata, sesswali.
Boċċi tal-għaraq jiffurmaw f'armata mnittna
bi dnubiet li qatt ma kienu, jiżżerżqu,
jinħabbu mal-kanna sakemm waħda waħda jaqgħu
fil-fil fond ta' bejn l-erbatax u l-ħmistax -il maduma.

Il-grillu jehmeż lir-raġel ta' wiċċu mfaqqa'.
Ħoss wieħed...
sekonda u nofs ta'
slow motion ta' flashbacks fast forward...
tisbita.

Fil-fil fond ta' bejn l-erbatax u l-ħmistax -il maduma,
il-boċċi tal-għaraq, għajjenin wara maratona bla premjijiet,
jirxuxtaw bid-demm frisk imżerżaq magħhom.

Mal-ħajt, l-ikona tal-Madonna mpittra mill-ġdid bis-surreali,
bi sfumaturi t'aħmar skur u b'biċċiet ta' moħħ tari
jbaqbaq b'emozzjonijiet imdemmija,
tibki l-aħħar demgħa kristallizzata –
wara tibda tidħaq bla ma taf għaliex.

Ir-raġel b'wiċċ imfaqqa' sar dak b'wiċċ mifqugħ,
jiċċassa, jitberraq, lejn erba' mitt ruħ. (C)

Bla Sens

Fis-sens eżistenzjalista nħares lejk,
nistaqsi lill-baħħ għal verità li qatt ma kienet,
maħluqa minn moħħ mgħaffeġ għal grokk imħabba.

Fis-sens realista nħares lejk,
ninduna li mtappna bi tbajja suwed griżi bojod.

Fis-sens illużorju nħares lejk,
nidħaq lejn il-biċċiet tal-mirja mal-art frakass,
ngħannaq l-arja daħqana msoffija mill-iżgħar għarbiel. (C)

Jien u Int

Karta jien u karta int.
Il-logħba ta' bejnietna,
reċiproka ekwilibrata.
Fir-ramel jagħli jien mhux se nerfgħak,
żewġ pari ta' passi 'l bogħod minn xulxin,
distinti, definiti.
Fil-kesħa siberjeska int mhux se ssaħħanni.
Ekwilibriju maqlugħ miċ-ċappetti.
Kontra Ġaħan, minix se nġorr il-bieb.
Jekk trid ġorru int.
Jekk le, nibqgħu nilagħbu l-karti. (C)

Taraġ

Ġebla maġenb ġebla fuq ġebla taħt ġebla.
It-taraġ inkwiżittiv li jistaqsi elf mistoqsija
rettorika u jibqa' bla tweġiba.
Il-ġir jitlaħlaħ b'kull demgħa kiesħa li taqa'
fuqu, tqaxxru, iġġibu ġdid fjamant.
Jirtgħod ma' kull pass deċiż u indeċiż,
jibża' daqs li kieku qed jieħu l-aħħar
nifs ta' ħajtu.
Bħal ktieb maħruq, imqatta', maħmuġ,
jibqa' mfittex minn dak l-imbeċilli li jqatta'
ħajtu miexi fuq l-ispag.
F'dal-lejl tad-dawl imnikket
il-ktieb jinfetaħ għall-aħħar darba. (C)

Fil-bajja ta' Melendugno

Ħoss.
Ċafċifa mtektka.
Għal sekonda, kull ħoss minuskolu
jiżvina fil-ħin sinkronizzat
bejn mewġa u oħra.
Ix-xemx tagħlaq il-purtiera
tas-sħab bikkej biex tieħu
siesta eterna.
Il-ġebla ġganteska titfarfar
mill-għażż ta' ġenerazzjonijiet ingrati.
Il-ħajja tibda llum:
mid-dlam safi żverġnat minn dawl belhieni. (C)

Gallipoli

Taħt siġra mibżuqa minn ramel skadut
iltqajt ma' sirena tarmi ħlewwa kkaramellizzata.
Fil-ħarsa t'għajnejha dehbiena jqattru l-mirra
smajt il-mitt elf għanja li ġennew l-aktar baħri san.

Idejha ġrew ma' ġismi paralizzat
f'estasi ċelestjali – ilħaqt orgażmu
wara ieħor sakemm bi trehida
irnexxieli naqbad il-pinna u nikteb
eleġija għal dak li kont u m'għadnix.

Dak in-nhar, ġewwa Gallipoli,
sirt dak li llum jien:
karkass bil-bżieq ma' ħalqu,
b'ħarsa ċassa,
bil-pinna mkemmxa. (C)

Riħ

Ir-riħ tat-tnessija
jonfoħ bil-mod, 'il mod,
jidħol f'għadmi waħda waħda
qishom pajpijiet tad-drenaġġ
u jibda jobrox,
jobrox u jaqla' l-ħmieġ imbaqbaq ta' tifkirietek
joħroġ mal-aħħar nifs sfurzat u jtir
'il fuq 'il fuq mar-requiem ġa minsija.
Ma jifdal xejn...
xejn ħlief l-ilma mibżuq mill-fonti ta' fommok.
Xi darba...xi darba. (C)

Wednesday, November 11, 2009

Bla Muża

Illum,
jien u l-poeżija nżajna għarwenin.
Bħal kull lejla kellna ninħabbu,
nitwaħħlu mal-liżar sakemm
sillaba sillaba jibdew jaqbżu fuq
saqqu ppolixjat b'sess innoċenti.

Illum,
jien u l-poeżija nżajna għarwenin.
Is-sillabi baqgħu ma ġewx,
in-nida girfet il-ġilda mistika tal-poeżija.

Ma kellix għażla ħlief li nerġa' nilbes,
nagħlaq it-tieqa u nqabbad sigarett. (C)

Katavru

Għajnejk ġawhra mifqugħa
tnixxi ħalib maqtugħ,
għasel karamellizzat.
Kull xagħra maħruqa,
kull sinna ċċipjata.
Roqgħa demm ma' lsienek għatxan
titkarrab għal sekonda serħan.

Bir imrammel, mimli ħama jfuħ,
fejn tqallibt u tneżżajt
mill-ġilda imċajpra,
mill-aħħar epitaffju.

Paradoss imnittef b'dubju daħqan,
li jneżża' l-maskla tal-buffu belhan.
Taħt siġra għajjiena katavru ċċassat
jixxennaq ġuf ommu sekonda passat. (C)

Elezzjoni

Aħmar u blu mifruda bl-assolut infinit,
l-isfumaturi huma nċest fuq artal maħruq.
Ittimbrati minn qabel il-konċepiment
sabiex inwettqu d-dover sagru daqs alla.

Ifraħ ja Ġaħan bla ma taf l-għaliex. (C)

Stennija

Nistenniek illum:
bħal farfett ħosbien li qed jiskopri
kif iħoll il-ħjut tal-fosdqa;
bħal siġġu mġewwaħ għall-esseri li jmiss
biex jintilef fi djalogu għajjien;
bħal tebut polixjat minn barra
u mmermer minn ġewwa;
bħat-tartru fil-kikkra tal-kafè
li jibqa' mwaħħal mat-tazza
wara erbgħin ħasla.

Bħal kuljum, illum ġejt
għal xogħli full time fl-ajruport,
nistenniek bħal tarbija
għal sider ommha,
sakemm mill-bogħod nara l-ispettru tiegħek
u ħalqi jċarrat tbissima. (C)

Lil Tessie

Ma' kull tħarħira ta' nifs batut
ġbidt il-mewt u ħriġt foħrija.
Fis-silenzju misterjuż tiegħek
dawwalt l-ispazju ta' kull fejn kont.

Bid-daħqa fuq fommok, kull kelma
miżuna fil-miżien tal-verità,
ilqajtni fi ħdanek bħal kieku
għaddejt mill-uġigħ tal-ħlas għalija.

Illum wasal Elija bil-karru tan-nar
u ġarrek miegħu lejn il-maħbub tiegħek.
Għar-riħa tal-brodu u l-għajjat innoċenti
tan-neputijiet u ta' kull min għożżok f'qalbu.

“In-nanna saret astronawta?”

Bil-birra f'idi qallibt l-arkivji u ċ-ċelloli
u tweġiba loġika ma sibthiex.

“Naħseb – ma nafx.”

“OK”

Ġismek kiesaħ għadu jarmi sħana
u fwieħa li tfewwaħ liċ-ċipress. (C)

Lill-vittmi tal-abbuż

B'id waħda ħassartli wiċċi waqt li
bl-oħra żebbiġt il-kuruna f'ġieh il-midinbin.
Fid-Duluri tmur timxi ħafja
u saqajja tqarqċuli bid-daqqiet tal-ixkupa.
Minn fuq is-salib ngħajjat ġustizzja
u l-ieħor ilissen maħfra.
Fid-dalma tal-lejl ġo l-iżgħar kamra
neżżgħajtni anke mill-iċken dinjità.
Illum ma nistenna xejn
għax ix-xi ħaġa ma nafx x'inhi. (C)

Ġlieda

Fil-ġewwieni profond tal-baħħ
dħalt fl-għar imdallam ngħarrex.
Swaba' imgħaddmin u għeruq bellusi
daru mal-għaksa mfekka.
Ġismi tgħaqqad fl-għanqbuta mħejjija,
aktar ma ġġilidt aktar sirt kobba.

Bħal Akille waqajt, tkaxkart fit-tajn,
fittixt bħal miġnun ix-xabla, biex indeffisha
fil-biċċa qalb li kien fadalli.

Dmugħ ta' nostalġija magħqud ma' dak kiebi
ċarċar f'nixxiegħa fit-tikmix ta' wiċċ minsi.

Lsieni qed jittiekel biċċa biċċa...

Ma nistax...

ngħidlek...

I...

...
(C)

Għajjien

Imdawwar bil-friefet u nħossni għarwien.
Il-baqra u l-ors qatt mhu se jgħixu flimkien.
F'teptipa tal-għajn nara mitt elf bozza
li jheżżu lil povru moħħi.

Ma' kull wiski qalbi ssir ċomba li
trattab l-aċċeleratur t'imħabbitna.
Fuq l-għatba mikula, imħattba, irrid nitla,
u sieqi mferfra ma tiflaħx tagħmel pass ieħor. (C)

Il-Jien u l-Jien

Fil-bidu kien ix-xejn u jien twelidt,
stampawli numru biex ngħodd man-normali.
Tefgħuni f'gaġġa ta' konvenzjonijiet
biex bħal pupazz intella' l-produzzjonijiet.
Imdawwar bi spettaturi familjari bla uċuh
b'ħabel stirat jiżfen m'għonqhom tari.
Xtaqt nibdel il-parti, staqsejt għad-direttur,
qaluli li msiefer, qaluli li miet.
Xtaqt nordom id-dell tad-dwejjaq kumpanija,
għaliex għada darba kien.
B'subgħajja mregħdin heżżist il-ħadid muswaf
bil-ħaxix ħażin t'eluf ta' snin.
Fl-aħħar temtimt it-tweġiba li dejjem kont naf:
Jien hemm barra...jien hawn ġewwa. (C)

Ċimiterju

Swaba mżellġin jiġru ma' ġismi,
iwaħħlu l-għaraq ġellied mal-għadam żverġnat.
Difrejk iniffdu l-pori ġa mniġġsa
sakemm jigirfu l-iżgħar ċellola ħerqana.
Mal-aħħar serenata ċ-ċipress ikanta maħnuq
il-monotonija sewda, u l-iskeletri mċekċka
jqumu u jiżfnu tul il-lejl tad-dawl. (C)

Fotokopja

Xofftejk skolpiti mmakulati
fihom dinja ta' ħolm għatxan
għal imħabba pura li spirat l-aqwa poeti.
F'ħames sekondi dħalt u ħriġt
f'dinjietek mimlija fjuri żeffiena.
Hemm intlift nittajjar mal-weraq
u niżżerżaq mal-blat tajjar.
Bi gratitudni mmelles l-aħħar tifkira.
Għada jaf ma niftakrekx. (C)

Abort

Fil-kenn imċajpar fuq is-sodda tal-kundanna
hemm mara titgħawweġ.

Fil-kenn imċajpar fuq is-sodda tal-kundanna
jinħarġu l-biċċiet ta' speċi bla ruħ.

Fil-kenn imċajpar fuq is-sodda tal-kundanna
jintrema kollox għax dan qatt ma kien.

Fil-kenn imċajpar fuq is-sodda tal-kundanna
jifdal biss elf bikja muta ta' speċi li kien. (C)

L-Għama

L-għama ta' Ġeriko itarrax lin-nies,
konvint illi Kristu se jtih dak li jrid.
L-għama ta' Malta passiv f'Bieb il-Belt,
iċekċek is-soldi u jomgħod il-qrid.

Bit-tazza u l-lembut f'idhom
iqattru demgħa demgħa f'tazza bla qiegħ
iressquha lejn xofftejhom imkeffnin. (C)

Bjuda

Bjuda ħarxa li ġġagħlni noħlom bik
kull filgħaxija meta l-qamar ikun rieqed
u l-istilel imurilhom id-dawl,
meta l-anġli tiskordalhom l-arpa
u l-qaddisin jinżgħu r-raġġiera.

Bjuda ħarxa li ġġagħlni noħlom bik
ma' kull taħbita dgħajfa tal-qalb.
Il-ħolma alluċinazzjoni
daqs il-ħajja illużjoni. (C)

Nisrani

Fil-konvinzjoni hemm id-dubju
li jaqta' bħal sikkina.
Għerf qadim u minsi ta' Kristu u Platun.
Il-mistoqsija eterna titwieġeb darba biss,
fil-qorti mimli perli, ġudizzji u ħmerijiet.

Fil-kju wara mijiet nistenna.
Illum bl-ispecial offer.
Ta' qalb ġeblija w maħmuġa
se nieħu biċċa laħam sura.

Imkebba pulit pulit f'gazzetta
se tiżloq, ma tiżloqx.
Fuq ħabel stirat se nimxi lura,
se naqa', ma naqax. (C)

Lejl - Dedika lir-Rejpists

Moħbija fin-nida ta' bil-lejl
joħorġu jiġru għad-dawl daħqan tal-qamar.
Widnejhom ippuntati u għajnejhom imbulġati
erħilhom ifittxu l-priża siekta tagħhom.

Sinna ma' sinna jsinnu u jsinnu
b'difrejhom twal jilħqu kull xaqq mistur.
Mal-ewwel qatra demm li tmiss ma' lsienhom klubi
jinfexxu jċarrtu u jċarrtu l-laħam verġni.

Bid-demm imħallat ma' dmugħ mielaħ
huma jerħulha lura minn fejn ġew.
Bil-ħsieb predestinat li l-ikla t' għada mħejjija
u ħadd mhu se jgħidilhom xejn. (C)

Vjaġġ

Wara erbgħin sena fid-deżert
rajtek titfarfar minn statwa tal-melħ
fi statwa tad-deheb.
Adurajtek fis-seba' snin tal-għaks,
sħettek fis-seba' snin tal-ġid.

Mal-mejda ta' Arturu
aħna dorna sakemm stordejna.
Ħriġt l-istallett u lagħabna noli.

Irrid inkun naf jekk int tħobbnix.
Irrid inkun naf jekk qatt ħabbejtnix,
ħalli jekk titfgħani mal-pirana
inkun naf jekk tikolnix.

Fil-baħħ ta' ħarstek, fil-mewġa ta' xagħrek,
bdejt nitbandal f'nagħsa ħelwa
sakemm intlift fi 'Pietà' sfigurata
u sirt kruċifissjoni għad-dinja kollha. (C)

Souvenir

Ruħi mkeffna fl-istar ta' għajnejk,
imkebba u mkaħħla b'ġir iswed,
imlaħħma f'idejk imgħaddmin.

Kull xewqa, kull tama, irbatthom ma' tajra,
ħadt gost tarahom tielgħa dejjem 'il fuq,
l-ispaga tqaċċtet mill-għeruq.

Demgħa ffriżata kristalizzata
ġo kaxxa tal-bellus.
L-aħħar souvenir ta' mħabbtek
magħluq ġo kexxun. (C)

Mara

Il-mara minxura mal-weraq midbiel,
ħafja u mtertqa daqs l-akbar għarbiel.
Imneżża' miċ-ċiklu tal-ħajja spiċċut,
tgħajjat u tingħi ġo moħħi splodut.

Il-mara minxura mal-ħjut tal-għanqbut,
tiġġebbed, tissara, ġa lest it-tebut.
Demmha jgelgel bħal serp nofs' għarwien,
jisserrep, jitgħawweġ, ifittex imkien.

Il-mara mnixxfa fuq bejt l-emozzjoni,
tiżfen il-valz mingħajr sensazzjoni. (C)

Fuq l-artal

Fuq l-artal midluk bi ġludna llum ninħabbu,
ninħaslu bi dnubietna mdemmija u
nintilfu f'għajta mtarrxa tal-moribond minsi
waqt li l-mutu jibda jkanta s-salmi.

Fuq l-artal midluk bi ġludna llum ninħabbu,
nistennew il-bojja jilbes il-kappa tal-eternità.
Id f'id fix-xifer tal-irdum inħarsu 'l isfel
lejn il-mewġ imxajtan għatxan għal ruħna.

Fuq l-artal midluk bi ġludna llum ninqatlu
b'sagrifiċċju għal dawk li m'għandhomx bżonnu.
Tqaddisna bl-ilma qiegħed
u l-lifgħa ma ħarġitx minn qalb il-ħatab.

Tqarbinna b'ħobż moffa w inbid qares
u ta' fidili li aħna weġibna ammen.(C)

Daħqa

Fl-iskarlatt ta' ġennek ogħlejt 'il fuq
sakemm tkaxkart fl-abbiss ta' mħabbtek.
Tnemnima ta' spaga żżomni san
waqt li nifrixlek it-tapit l-aħmar.
Qaċċatni mill-għeruq ħa nżomm sod
u naħrab mal-fjuri mġemmdin.
Imċappas bit-tikmix ta' dnubek
jien illum nidħaq l-aħħar daħqa. (C)