Friday, November 20, 2009

Osservazzjoni silenzjuża fost l-istorbju tal-Belt

Inżilt minn fuq tal-linja u ħarist madwari. Għal ftit sekondi ħassejtni mitluf, trasportat għal ġewwa ajruport, fejn l-unika attività li wieħed jista' jagħmel hu li jistenna. Nies minn kull razza u ġens – kollha differenti magħqudin flimkien bl-istennija. Min jibgħat messaġġ, min iċempel, min jiċċassa u min jixtri dak li m'għandux bżonn biex jaħraq il-ħin. Dawk il-ftit li mhumiex jistennew qegħdin bilqiegħda fuq bank f'xi gabbana, mitlufin f'xi argument sħun għax b'hekk biss jistgħu jaljenaw lilhom infushom mill-istennija.

Jien ukoll kont qed nistenna – li jgħaddi l-ħin sabiex tibda l-produzzjoni teatrali li kont sejjer nara. Jien minix bħal dawn. Jien bniedem kolt u ta' kultura għalkemm ma nafx eżatt xi tfisser li tkun hekk. Ersaqt lejn gabbana minnhom u xtrajt pakkett sigaretti. F'inqas minn ħames sekondi kelli wieħed imqabbad f''ħalqi u bdejt miexi lejn Bieb il-Belt. Taqbadni għafsa ta' qalb hekk kif ngħaddi minn taħt dal-monstru waħxi li ħadd għadu ma sab rimedju kif joqtlu. Ftit metri wara nerġa' nifraħ hekk kif nitla' taraġ grandjuż li llum minsi minn kulħadd. Hemm joqgħod anzjan li ftit nies jafuh u ftit inqas jieqfu jkellmuh. Kieku jafu l-istorja tiegħu u kemm kien joffri gost teatrali lil mijiet ta' nies żgur ibiddlu l-perċezzjoni tagħhom dwaru. Illum dan l-anzjan jinsab għajjien ħafna – qatt ma rkupra minn meta ġie ferut fil- gwerra. Jgħajjat kemm jgħajjat, it-talba tiegħu għal fejqan ma nstemgħet qatt. Dan l-aħħar qed jissemma li daqt imut u minfloku se jieħdu postu l-aqwa atturi, magħrufin aħjar bħala l-Onorevoli Ministri, tal-akbar teatrin li qatt kien hawn f'Malta.

Bqajt miexi nosserva n-nies mgħaġġlin u oħrajn jitlajjaw għax ma jridux jirritornaw lura d-dar. Inħossni f'dinja oħra jien u għaddej minn qalb dal-bini qadim nifsu tqil. B'ħarsti 'l fuq nilmaħ kull naqxa fil-ġebel, teżori moħbijin li taw identità lil dil-Belt għażiża tagħna. L-immaġinazzjoni twassalni biex noħloq stejjer ta' x'setgħu raw jew ma rawx dawn id-djar. Kemm twelid u mwiet, infedeltajiet u mħabba mistura. U fis-skiet tagħhom bħal ħrief lestin għal qatla jilqgħu dak kollu li jiġi ma' wiċċhom.

Fl-aħħar nasal Pjazza Reġina. Ħarist lejn l-arloġġ u kien fadal tlett kwarti biex tibda l-produzzjoni. Tajjeb ħsibt – nilħaq nieħu flixkun birra. Poġġejt madwar mejda u qabbadt sigarett ieħor. Sellimt ħafif ħafif lir-reġina mdawra bis-sudditi ġodda tagħha – annimali żgħar u komuni, bla ebda pretensjoni imma leali lejn din l-omm li tipproteġihom. Għajnejja u għajnejn il-wejter iltaqgħu u f'dawk iż-żewġ sekondi seħħet il-komunikazzjoni kollha li kien hemm bżonn. Kien liebes eleganti mmens: qmis bajda stirata ma' sidru ppupat u qalziet iswed bit-tinja; ċoff u ġlekk iswed; u żarbun iswed blakkat li tara x-xemx tixgħel fih. Imma ma jistax jagħmel mod ieħor. Wara kollox jinsab fil-preżenza ta' reġina. Stħajjiltu 'Road Runner', jiġri u jgħaqqad madwar il-mejda b'ħila ta' sewwieq tar-Rally. Xogħlu hu li jakkomoda l-klijent f'kull ma jrid. Tħassartu għax immaġinajt li dan hu t-tieni xogħol part-time tiegħu sabiex ikun jista' jmantni l-familja tiegħu u jlaħħaq mal-ogħli tal-ħajja.

Resaq lejja b'dik il-ħeffa li reġat impressjonatni meta tqis li dal-bniedem kien qabeż il-ħamsin sew. Tlabtu l-menu biex noqgħod niċċassa lejh u pinta birra. Ħa l-ordni,daħħal ir-rivers u telaq sparat biex jaqdini. Fil-bogħod bdew jinstemgħu l-qniepen idoqqu, isejħu lill-fidili għall-aħħar ċans tal-ġurnata biex jiltaqgħu mal-Mulej. Ftaħt il-menu u qagħadt naqra kull item li kien hemm fuqu. Ma kellix idea għaliex tlabtulu. Wara kollox, ħafna nies (inkluż jien) jidħlu f'mument intimu mal-menu biex fl-aħħar mill-aħħar dejjem jispiċċaw jagħżlu l-istess. Forsi din tirrifletti mentalità li l-bniedem komdu kif inhu u jibża' jirriskja. U l-birra waslet f'ħin rekord.

Fuq il-mejda ta' quddiemi kien qed jintlaħaq il-qofol tal-istennija: attività li f'ħajti rari rajtha. Żewġ irġiel strateġisti, akkumpanjati minn flixkun Perrier, kienu jinsabu fi gwerra qalila. It-tnejn li huma attenti għall-iċken żball li jista' jwettaq l-ieħor. L-armati tagħhom kienu mħejjijin sew: suldati fuq quddiem nett segwiti minn kavallerija; isqfijiet ibierku l-armata u jitolbu 'l Alla għal kull ruħ li kien hemm preżenti; u fl-aħħar ir-re u r-reġina moħbijin wara l-kastell jagħtu l-ordnijiet imma mbeżżgħin. Żewġ ġenerali li għarfu jaħkmu l-qawwa tal-ħin u jdawruha favur tagħhom. Dan kollu kien qed iseħħ fost iċ-ċekċik tat-tazzi u d-daħq sfrenat li kien ġej mill-mejda ta' ħdejhom. Grupp ta' turisti żgħażagħ li ma kienux qed jindunaw bil-periklu ta' gwerra imminenti pass 'il bogħod minnhom.

Wieħed minnhom kien qed jargumenta mal-wejter li t-torta li ordna kienet għadha ma waslitlux. U dan kien ordnaha inqas minn ħames minuti qabel. Il-bniedem inbidel b'mod irreversibbli. L-importanza li jagħti lil kull ma jiġri hi kemm tkun immedjata l-ħaġa, u x'qed jiġri lil ħaddieħor: kemm se jdum ma jillowdja l-kompjuter; x'inhi liebsa dik, u x'qed jgħid dak. Il-ħajja tagħna bnejniha fuq il-gost li jagħtuna l-iskandli ta' ħaddieħor. L-iskandli tagħna nitfgħuhom taħt it-tapit ħalli ma jidhrux. Sakemm jasal il-mument li dan it-tapit jitnaddaf waħda sew u nkunu suġġetti għad-daħq ta' ħaddieħor. Il-wejter irnexxielu jikkalma lit-turist b'tattika li żgur ma tgħallimha mill-ebda kors tal-ETC. Fil-viċinanzi beda jinstema' ħafna għajjat imma meta dort biex nara x'ġara ma lmaħt xejn.

Possibli ħadd mhu jisimgħu? Minn fejn il-qaħba kien ġej? Erġajt dort imma kull ma rajt kienu r-reġina tipprepara biex tidħol torqod, u warajha l-bini maestuż li jaħżen l-għerf kollu Malti. Iċ-ċelloli f'moħħi bdew jaħdmu overtime sakemm sabu s-soluzzjoni u lluminawhieli. Dażgur ħsibt – il-kotba. Miljuni t'ilħna miġburin f'kor wieħed, ħerġin minn eluf ta' kotba u manuskritti xjuħ. It-talba muġugħa ħierġa minn fommhom kienet li dawn jitneħħielhom it-trab, jinfetħu u jintilfu fi djalogu intimu mal-qarrej. Donnu li l-bniedem ma kienx qed jismagħhom. Forsi tort tagħhom li jinsabu moħbijin hemm ġew, u jgħajjtu fuq frekwenza differenti li l-bniedem mhux kapaċi jisma'. Leħinhom kiebi u seren beda jiksili l-ġismi b'balzmu jfuħ u jistedinni biex ningħaqad magħhom u nsiru ġisem wieħed f'dinja li żgur ma toħroġx minnha. Irreżistejt it-tentazzjoni għax ma kenitx f'ħinha u rbaħtilhom. Wara ftit qatgħu qalbhom u waqfu – silenzju perfett waqa' fuq il-pjazza.

Ħarist lejn l-arloġġ u ndunajt li sar il-ħin. Ma xtaqtx nitlaq għax l-intimità aggressiva waħħlitli sieqi mas-siġġu. Iżda ma stajtx nitlef il-produzzjoni. Żewġ maħbubin jitqatlu bejniethom għal dal-bniedem imsejken. Ridt nieħu deċiżjoni malajr. Xrobt l-aħħar ftit birra li kien fadalli, ħallast lil wejter u tlaqt. Wara ftit passi waqaft u ħarist lura. Ix-xemx kienet qed tagħti l-aħħar tislijiet tal-ġurnata. It-turisti qamu minn mal-mejda biex jerħulha lura minn fejn kienu ġew. Mid-dehra l-gwerra kienet intrebħet u ntilfet. Il-flixkun tal-Perrier kien l-unika kumpanija li l-wejter kien fadallu. Mill-bogħod reġgħet bdiet ġejja l-għajta tas-sireni seduċenti imma issa ma kienx il-mument li naħseb aktar. B'pass imgħaġġel erħejtilha lejn it-teatru. Darb'oħra niltaqgħu żgur. (C)

No comments:

Post a Comment