Thursday, December 24, 2009

Is-Silenzju

Fil-ħemda tal-kamra kienu tlieta: is-Silenzju Sħiħ, is-Silenzju Mkisser u l-Istorbju. Tinstema' biss is-sekondiera tal-arloġġ imwaħħal mal-granpun nofsu maqlugħ fil-kamra ta' biswithom. Il-kamra kienet żgħira biex it-tlieta li huma jkunu komdi kif jixtiequ. Bħal f'kollox, il-kompromess u l-adattament għas-sitwazzjoni kienet is-soluzzjoni imposta fuqhom bla ebda għażla oħra. Minbarra t-tieqa, il-kamra kienet imneżżgħa minn kull komponent li darba kien jifforma ġisimha. Illum fadal biss skeletru t'erba' ħitan li kuljum jitolbu għal gwerra imminenti.

L-Istorbju, b'riġlejh joqomsu f'ritmu mużikali stunat, għal darba kien kwiet. L-istatura ġganteska kienet tintimida anke lill-allat mitoloġiċi f'moħħ in-nies hekk imsejħa normali. Kien ipoġġi, meta jkollu sabar, fl-istess post: taħt it-tieqa ċkejkna li lanqas hu ma seta' jittawwal minnha. Rarament kienu jiddisktu fuq ipoteżijiet ta' x'seta' kien hemm 'il barra minn dawk l-erba' biċċiet ta' ħadid imsadda iżda b'saħħithom. Meta kienu jagħmlu dan, l-Istorbju kien jippassiġġa minn naħa għall-oħra, jigref b'dufrejh il-ħitan sakemm joħloq arti surreali. L-Imkisser kien iħares lejh u jibqa' passiv.

L-Imkisser kellu statura żgħira u debboli. Kien jimrad ta' spiss u leħnu kien isemmgħu fil-bżonn biss. F'dal-ħin, is-silenzju f'dik il-kamra misħuta kien qed joqtlu minn ġewwa. Is-sekondiera ttektek bdiet bil-mod il-mod iddaħħlu fl-insanità. Għalfejn kellu jingħata dan l-irwol? Għaliex ma setax ikun normali bħal ħaddieħor? L-elettriċità fil-kuriduri ta' moħħu bdiet għaddejja b'veloċità fenomenali waqt li tisparkjalu kull ċellola li kien fadal ħajja u li kellha aptit tagħmel xogħolha. Wara kollox, kull ħaddiem ħaqqu l-mistrieħ tiegħu. F'inqas minn sekonda wara staqsa lilu nnifsu bħal min xtaq li jkun normali. Ma kien jaf lil ħadd.

Ħares lejn l-Isħiħ li bħas-soltu qas in-nifs teneru tagħha ma kien jisma'. Isbaħ mix-xemx u l-anġli f'daqqa imma moħlija f'ħajja li qatt ma seta' jifhem. B'għajnejha magħluqin u f'pożizzjoni ta' fetu mistrieħ fl-ilma tas-sigurtà, kienet tqatta' l-ġranet tagħha hekk. Għal għajnejn barranin u korrotti, kienet tidher mejta jew bla użu produttiv. Xi drabi, għajnejha kienu jinfetħu bil-mod ħafna, bħal qisha għaddejjha mill-uġigħ tal-ħlas u kull raġġ ta' dawl nebbiexi kien qed jgħaddiha minn tortura mhux mistħoqqha. Fommha qatt ma fetħitu. L-Imkisser kien jimmaġina x'vuċi jew ħsejjes setgħu joħorġu minn bejn dawk xofftejha żgħar u fraġli. Qatt ma sar jaf.
L-Imkisser kien jintilef f'għajnejha. F'dawk is-sekondi ta' kuntatt aljen kien jidħol f'dinja ta' kuluri mġienen imħallta flimkien b'tali mod li wieħed ma jingħarafx mill-ieħor: l-armonija fil-kaos relattiv. Kien jisma' eluf ta' ħsejjes, kull wieħed distint mill-ieħor, u jistagħġeb kif minn silenzju assolut setgħu joħorġu dawk il-ħsejjes li għalih kienu moviment wara ieħor sakemm jaslu fil-krexxendo u qalbu tkun se tisplodi. X'poter kellha fiha din l-entità misterjuża iżda intriganti? Għaliex ma taqsamx dak li hemm ġo fiha mal-bqija? L-Istorbju qatt ma semma' xejn. Għaliex kellu jgawdi biss dawk il-ftit sekondi darba f'mitt qamar? Imbagħad jirrealizza li l-ħolma spiċċat, għajnejha ingħalqu u magħhom kull sens ta' ħajja fih.

Min-naħa l-oħra tal-kamra l-Istorbju beda jgedwed waħdu, jgħajjat u jsabbat. Rasu beda jdamdama mal-ħajt. Hemm aħna, bdejna: lura għan-normalità miskina tagħna. L-Imkisser tmattar ftit, bidel il-pożizzjoni f'waħda aktar komda u reġa' ntilef fil-ħsieb. It-tamiet tiegħu li jżommuh għaddej huma dawk il-ftit sekondi ta' konċepiment u abort. (C)

No comments:

Post a Comment